Sunday, April 12, 2015

Kitbiet tat-Tfal wara 'Figolla ta' Qattus' ta' Elizabeth Ebejer.

Bħalma ktibt fil-bloggata ta' qabel din, qabel ma spiċċajna għall-vaganzi tal-Għid, kellna żjara minn Elizabeth Ebejer, li kitbitilna storja vera ħelwa. Wara t-tfal ġew imħeġġa jiktbu l-istejjer qosra tagħhom. 
Din hija l-istorja li qratilna Elizabeth.

FIGOLLA TA’ QATTUS
Iż-żaqżieqa tal-antiporta kien ritwal li kulħadd kien jafu hekk kif kont tidħol: “Wasalt jien!”

Ikun xi jkun iż-żmien dejjem ixxomm riħa ta’ ikel taqsam, merħba li tilqgħak mal-ewwel pass. Illum ir-riħa hi partikolari, riħa ta’ taħlita tal-intrita, tal-meraq tal-lumi u tal-larinġ u l-qxur tal-madonlina u ta’ ġelu. Il-ħsejjes iktar bdew jieħdu l-ħajja iktar ma bdejt noqrob lejn il-kċina… ir-radju fuq stazzjon lokali, il-ħoss taċ-ċikkulata banjumarija tbaqbaq fl-ilma, it-tfaqqiegħ u taħbit tal-bajd maż-żinġla u daqs tużżana tfajliet u nisa jgħidu tagħhom, kollha bi tbissima fuq wiċċhom u kulħadd fuq xogħlu. Min jiżen, min jagħġen, min iqatta’ l-karti u min jikteb u ħafna tinwiħ tal-qtates li kollha jridu sehemhom.
“Wasalt? Ġibtu miegħek id-dqiq u xtrajt biżżejjed bajd?” staqsiet Liz.
”Din is-sena li faddalt irnexxieli nixtri iktar dqiq u l-bajd li tatni Sylvana b’xejn, jiġifieri dawn b’xejn, u Pawlu tal-kantuniera tani l-larinġ u l-lumi mill-ġnien,” weġibtha.
Kien ritwal li bdejna ftit tas-snin ilu li t-tieni ġimgħa tar-Randan niltaqgħu għand kuġinti biex nagħmlu figolli forma ta’ qattus, bl-għan li matul il-lejl tal-Erbgħa tat-Tniebri nqassmuhom lil min kien fil-bżonn. Min kien jirċevihom ħadd ma kien jaf mingħand min. Is-sena l-oħra ssorprendejna mija u tnejn u għoxrin familja din is-sena qed noħolmu li nagħmlu iktar b’messaġġ miktub:
“Ma jaħrab xejn lill-għajn ta’ qattus... tbissem... purr…”
U dawn huma uħud mill-kitbiet tat-tfal. Hemm oħrajn għadhom ġejjin għax kien hemm min hu ma jiflaħx.

Fejn ma tarawx isem ħdejn il-kitba, għax *kumbinazzjoni* mhux kulħadd kiteb ismu fuq il-karta...għada nara ta' min huma u niktbilhom isimhom. 


Dan il-qattus jismu Ginger. Jien inħobbu ħafna u nilgħab miegħu kuljum. Wara li niġi mill-iskola ntih jiekol u jixrob. Ommi u missieri jħobbuh u jieħdu ħsiebu miegħi -- Shams


Darba waħda mort wirja tal-karozzi u kien hemm ħafna karozzi sbieħ. L-aktar waħda li għoġbitni kienet BMW. Jien xtaqt immur dawra biha u għalhekk staqsejt lil sid il-karozza. Dan ħadni dawra biha. Kemm xtaqt li din id-dawra ma tispiċċa qatt! -- Nathan


Il-programm favorit tiegħi huwa Simpatiċi. Jien narah kull nhar t'Erbgħa. Dan il-programm għandu ħafna partijiet tad-daħk. Simpatiċi narah mal-familja tiegi u nagħmlu siegħa nidħku flimkien. Kemm jogħġobni u kemm indum nistenniha l-ġurnata tal-Erbgħa biex jibda. ---Jamie


Il-Mama' kienet qegħda fil-kċina tipreparali kejk għal għeluq snini. Jien inżilt isfel għax bdejt inxomm riħa tfuħ ħafna. Għedtilha 'Mama', ta' xiex qed tagħmlu l-kejk?' u hi weġbitni li kien taċ-ċikkulata bil-frawli. F'daqqa waħda ħabbat il-bieb u mort niftaħ. Sibt lil ħbieb tiegħi bir-rigali f'idejhom! X'sorpriża kbira tajtuni. Grazzi mama' u papa'! Inħobbkom ħafna! ---Oksana


 Jien inħobb ngħin lin-nanna tagħmel il-figolli. In-nanna tħallili biċċa għaġina biex nogqħod nilgħab biha għax nistħajjilha qisha plastisin. Din is-sena għamilna ħafna forom differenti, iżda jien għażilt forma ta' farfett ---Maya


Darba waħda kien hemm qattus jismu Ġuġu. Kien imqareb ħafna. Iz-zija bagħtitilna figolla u l-qattus beda jgerrimha. Dal-qattus iħobb jiekol il-bajd tal-għid imma did-darba mhux ser jiehu talli gerrem il-figolla! --- Kim


Darba kien hemm qattus jismu Jack. Jack iħobb ħafna t-tonn. Beda jiekol u jiekol u tant sar oħxon li lanqas seta' jimxi. Sidu qallu biex jagħmel id-dieta u reġa' rqaq. In-nies baqgħu ċċassati. ---Kurt Sammut


Il-qattusa ħelwa u sabiħa jisimha tikka. Din tikka tħobb tilgħab bil-ballun. Jien u hi noqgħodu nilagħbu flimkien. Tikka hija qattusa kannella. Ftit ilu xtrajtilha pupu biex toqgħod tilgħab bih. Bil-lejl Tikka torqod ħdejja.---Kimberly


Darba kien hemm qattus jismu Rumpleteaser u ħuh jismu Mungojerrie. Ommhom u missierhom xtrawlhom bajda tal-Għid u kobba suf. Iż-żewġ qttates stiednu lil ħbieb biex jilagħbu. Il-bajda ta' Mungojerrie kienet forma ta' ġurdien u ta' Rumpleteaser kient forma ta' ġobna. Wara l-logħob qasmu l-bajd flimkien. ---Julia


Darba waħda kien hemm qattus fit-triq. Jien ġbartu u ħadtu d-dar. Darba minnhom morna kamp u l-qattus ħarabli. Fittixtu fuq li fittixtu imma bqajt ma sibtux ---Denzyl

Search This Blog