Tuesday, June 2, 2015

L-Ikkupjar

Xi kultant tiġi ġurnata 'hekk'. 
Tmur ix-xogħol mimlija preparazzjoni u ottimiżmu u toħroġ imbikkma u bil-moral jitkaxkar warajk mal-art, u tibqa' hekk sa' filgħaxija.

Tieħux għat-tfal jgħidulek. 

Wasalna fl-aħħar u kuljum ngħid lit-tfal biex jekk hemm xi ħaġa li ma fehmuhiex, jistaqsuni. Jekk nagħti xi xogħol fil-klassi u xi ħadd ma jifhimx, nibqa' nibqa' sakemm narah jaħdem dak li tajtu waħdu. B'xi mod jew ieħor dejjem jirnexxieli. 

Dalgħodu nikkoreġi xi somom. Somma fuq pitazz ta' tifel vera tajjeb fil-matematika fiha żball. Ma jimpurtax, Miss, ħa mmur nerġa nagħmilha. 

Nikkoreġi tlett pitazzi oħra. L-istess żball ripetut. Tlett darbiet. 

Prietka kontra l-ikkupjar. Għax min jikkopja la jikber jitħallas bil-fotokopji tal-flus mhux flus ta' vera. Għax li tikkopja mhux irġulija. Għax jien imħallsa biex ngħallmek fejn ma tafx. Għax jekk għandek ix-xogħol lest u tajjeb, m'għandekx għalfejn tara ta' ħaddieħor. 

Għax mhux importanti li jkollok kollox immarkat bil-very goods. Importanti dak li daħal ġo moħħok. Importanti l-isforz li qed tagħmel int. 

Xi nofs tużżana pari għajnejn jidhru iddispjaċuti. 

Moħħi mistrieħ li lezzjoni ħaduha. 

Qabel ma niskulaw naqbad tlieta oħra jaqsmu t-tweġibiet tal-HW. 

''Isa isa ikteb fifteen, twelve, ...'' 

Geddumi kieku seta jaħbat mal-art qas kont niġbru. Qas flaħt nitkellem u qas flaħt nagħti jew inwiegħed kastigi. 
Naħseb id-diżappunt tiegħi kien kastig biżżejjed. 

Forsi tant kemm qegħdin f'soċjeta' li kollox joħroġ malajr, lest, bla ħsieb u sforz ta' xejn li anke daħlet il-mentalita' fix-xogħol tal-iskola? Għad baqa' kburija bix-xogħol li nagħmlu aħna stess b'idejna? Kollox tal-microwave sar illum? Fejn hu l-eċitament tal-isfida li tlesti biċċa xogħol waħdek u tgħid 'ara kemm jien tajjeb, fl-aħħar tgħallimthom'. Jew inkella 'dawn għadni lura fihom, ħa nfittex in-noti ħalli nsir nafhom'. Xi ħaġa li dejjem inħambaq fuqha u nipprova nagħti eżempju b'dak li nagħmel jien. Għax forsi tgħid l-eżempju ikaxkar ukoll. 
Il-gost u l-pjaċir li titgħallem xi ħaġa, mingħajr xi stiker jew rigal meta tgħallimtu, is-sudisfazzjon tax-xogħol u l-ħidma. Għadu jeżisti? 

Search This Blog